Il-Pulizija arrestat tlett irġiel wara li sabet id-droga fuqhom.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li fl-10 ta’ Marzu daħal rapport minn raġel Albaniż ta’ 32 sena li kien sofra ġrieħi gravi waqt argument ma’ xi persuni. Il-Pulizija investigat il-każ u fit-13 ta’ Marzu arrestat żewġt irġiel mis-Serbja li għandhom 39 u 31 sena. Fuqhom il-Pulizija sabet droga suspettata ħaxixa tal-kannabis, kokaina, u ponn tal-ħadid.

Skont il-Pulizija, llum saret tfittxija fir-residenza ta’ dawn il-persuni fl-Imsida. Hemm instabu ammonti tad-droga suspettata ħaxixa tal-kannabis u raża tal-kannabis.

Aktar tard ġie arrestat raġel ta’ 42 sena mill-Maċedonja li kien sejjer f’din ir-residenza. Hu kellu fuqu l-kannabis, raża tal-kannabis, kokaina, u MDMA.

It-tliet persuni għandhom jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.