Filmat allegatament miġbud fil-Fgura u li qed idur fuq il-midja soċjali juri puma tippassiġġa fi spazju żgħir wassal sabiex is-sid jibgħat messaġġ lil Animal Liberation Malta fejn ordna li jitneħħa l-filmat hekk kif hu għandu kollox skont il-liġi. Ir-raġel insista li jekk mhux se jitneħħa l-filmat se jkun qed jieħu passi legali min-naħa tiegħu.

Intant attivisti favur id-drittijiet tal-annimali ppruvaw jikkuntattjaw lill-awtoritajiet dwar dan il-każ. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet sostnew li minkejja li jafu ma jistgħu jagħmlu xejn. Il-persuna li tellgħet il-filmat fuq Facebook sostniet li ma tiflaħx iktar tara lil din il-kreatura tgħajjat. Irrimarkat li minkejja li għandha biżżejjed spazju fejn tiċċaqlaq u għandha wkoll xelter mill-maltemp, minkejja li mhix mejta bil-ġuħ u sidha jieħu ħsiebha, dan mhux ambjent li fih tinżamm kreatura tat-tip.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Pulizija li spjegaw li huma mgħarrfa bis-sitwazzjoni madanakollu għad ma hemmx aktar dettalji dwar il-każ.