Facebook għadda mill-akbar ħsara fl-istorja tiegħu ilbieraħ madanakollu jidher li s’issa għadu mhux magħruf xi kkawża din il-ħsara.

Il-BBC irrapporta kif l-aħħar darba li Facebook sofra interuzzjoni ta’ dan it-tip kien lura fl-2008. Madanakollu filwaqt li dak iż-żmien kien hemm 150 miljun utent ta’ Facebook, illum il-ġurnata hemm 2.3 biljun utent.

Filwaqt li rapporti internazzjonali semmew kif il-prodotti ta’ Facebook li huma l-apps tal-Messenger u Instagram ġew affettwati, jidher li kien hemm ukoll ħsarat fuq il-WhatsApp. Minħabba l-ħsarat, bosta ma’ setgħux jużaw l-apps għal tul ta’ ħin, filwaqt li oħrajn ma setgħux jibagħtu ritratti u dokumenti permezz tagħhom.

Facebook u Instagram mhux jaħdmu sew madwar id-dinja

Fi Tweet, Facebook sostna li qed jaħdem sabiex il-ħsarat kollha jissewwew filwaqt li kkonferma li l-problema ma kinitx tat-tip Distributed-Denial-of-Service-Attack. Dan it-tip ta’ attakk huwa meta numru kbir ta’ sistemi jippruvaw jattakkaw server wieħed fl-istess ħin.

Madanakollu, bħalissa jidher li bosta servizzi reġgħu ġew lura għan-normal.

Kemm hi kbira l-problema?

Skont rapporti internazzjonali, il-problemi b’Facebook bdew għall-ħabta tal-4pm ilbieraħ. Filwaqt li Facebook beda viżibilment jaħdem, l-utenti ma bdewx jitħallew itellgħu posts fuq il-profili tagħhom. Intant, fuq Instagram l-utenti ma bdewx jitħallew itellgħu ritratti u jaraw x’ritratti ġodda telgħu. L-app tad-desktop tal-Messenger ma bdietx taħdem, filwaqt li fuq il-mowbajl xi utenti bdew jitħallew jibgħatu xi messaġġi. Skont DownDetector, il-problema kienet waħda globali. Bosta negozji li joperaw permezz ta’ Facebook kellhom problemi kbar għax ma setgħux jaslu għall-udjenzi.

Kif irreaġixxew in-nies?

Sakemm Facebook u Instagram ma baqgħux jaħdmu, bosta daru fuq Twitter sabiex jgħaddu xi ċajta dwar dan. Infatti, il-hashtags #FacebookDown u #InstagramDown kienu fost l-aktar popolari għal tul ta ħin ilbieraħ.