Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ppreżentat nota li biha infurmat lill-Qorti li rrifjutat l-‘offerta’ li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat u jammettu li sar żball f’artiklu miktub mill-ġurnalista li fih ġie allegat li l-familja tiegħu kienet is-sid tal-kumpanija fil-Panama Egrant.

F’seduta fil-Qorti f’Jannar, meta Muscat kien qed jixhed dwar il-każ ta’ libell li kien fetaħ kontra Caruana Galizia dwar artiklu li fih ġie allegat li l-kumpanija Egrant kienet ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, Muscat talab lill-familja biex tammetti li kien sar żball mill-ġurnalista assassinata. Hu “offra” li jwaqqa’ l-każ ta’ libell.

Filmat: “Inwaqqa’ l-libell ta’ Daphne jekk il-familja taċċetta r-riżultat tal-inkjesta Egrant” – Muscat

Il-familja Caruana Galizia ssottomettiet in-nota tagħha llum. Din kienet iffirmata mill-avukat Joseph Zammit Maempel.

Il-familja qalet li ma kienetx f’pożizzjoni li tikkunsidra l-‘offerta’ peress li ma kellhiex aċċess għar-rapport dwar l-inkjesta li kienet saret dwar Egrant. Skont il-konklużjonijiet tal-inkjesta, Egrant mhix tal-familja Muscat, però ma qalitx ta’ min hi.

Il-familja Caruana Galizia qalet li mingħajr ir-rapport sħiħ ma kellhiex aċċess għax-xhieda ta’ Caruana Galizia, u tal-whistleblower ta’ Pilatus Bank Maria Efimova fost oħrajn.

Egrant: Għaqda ta’ ġurnalisti jitolbu lil Muscat iwaqqa’ l-libell kontra Daphne

Tista’ taqra aktar dettalji minn hawn.

Tista’ taqra kopja tan-nota minn hawn.