Il-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà (PFWS) sostniet li l-prevenzjoni ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal hemm bżonn li tittieħed b’aktar serjetà.

L-istqarrija tal-Fondazzjoni ġiet wara li l-programm Xarabank li xxandar fuq l-istazzjon TVM żvela r-riżultat ta’ investigazzjoni fejn ġie kkreat profil fittizju fuq Facebook ta’ tifla ta’ 13-il sena. Il-profil tagħha kien sploda bil-messaġġi minn irġiel kbar fl-età fosthom bosta filmati u ritratti. Bosta mill-irġiel ppruvaw jiltaqgħu mat-tifla biex jagħmlu l-att sesswali, minkejja li kienu konxji li kienet minorenni.

Il-Fondazzjoni spjegat li tinsab inkwetata bir-riżultati li ħarġu li żvelaw is-sitwazzjoni inkwetanti ta’ imġieba predatorja. Il-PFWS kompliet tħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jidentifikaw, jipprevjenu u jeqirdu totalment attività kriminali tat-tip.

Spjegat kif l-abbuż sesswali onlajn jinvolvi l-użu indiċenti ta’ kameras, mowbajls, midja soċjali, u modi oħrajn sabiex jinstabu vittmu u jiġu mitluba jagħmlu atti indiċenti u anke illegali.