Fit-13 ta’ Marzu, fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, intlaħaq ftehim proviżorju dwar l-aċċesibilità tal-persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea bl-isem tal-att huwa Att dwar l-Aċċessibilità fl-Ewropa.

Fi stqarrija l-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’diżabilità (MFOPD) spjegat li dan l-att jonqsu jiġi approvat permezz tal-maġġoranza tal-voti fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew biex ikun jista’ jiġi ratifikat. Wara li jiġi approvat, l-Istati Membri jkollhom tliet snin ċans sabiex idaħħlu d-direttiva bħala parti mil-leġislazzjoni tal-pajjiż.

Il-President tal-European Disability Forum (EDF) Yannis Vardakastanis qal li dan huwa ftehim storiku pożittiv iżda wkoll qal li dan huwa negattiv. Huwa qal li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea naqsu liċ-ċittadini b’diżabilità u għalhekk għandhom imorru lil hinn minn dan l-att jekk verament iridu jagħmlu differenza. Kompla li l-Istati Membri għandhom jaraw li l-persuni b’diżabilità għandhom jaraw li jkollhom l-istess aċċess għall-postijiet, prodotti u servizzi bħal kulħadd. Żied li dan il-ftehim juri ċertu nuqqasijiet espliċiti li għad iridu jiġu indirizzati jekk l-Unjoni Ewropea trid tkun aċċessibli għal kulħadd. Vardakastanis qal li dan l-att iħalli barra r-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni b’diżabilità ta’ kuljum.

L-MFOPD qalu li skont il-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà tal-Ġnus Magħquda, persuni b’diżabilità għandhom id-dritt ta’ għixien indipendenti.