Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż li rċeviet applikazzjonijiet minn persuni li qed japplikaw għall-ażil għall-ewwel darba meta wieħed iqabbel il-popolazzjonijiet.

Qabel Malta l-aktar pajjiż li rċieva applikazzjonijiet skont il-popolazzjoni hu Ċipru u warajh il-Greċja, filwaqt li l-inqas pajjiżi li rċevew applikazzjonijet kienu is-Slovakkja, il-Polonja, l-Ungerija, l-Estonja, u l-Latvja. Fl-2018 l-Unjoni Ewropea rċeviet 1,133 applikazzjoni għall-ażil għal kull miljun ċittadin.

Fiċ-ċifri li ġabret il-Eurostat, matul l-2018, 580,800 persuna fittxew protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Dan in-numru niżel bi 11% meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.

It-tliet pajjiżi li l-aktar ġejjin minnhom dawn il-persuni huma s-Sirja, l-Afganistan u l-Iraq li flimkien jammontaw għal kważi 30% tal-applikanti li qed japplikaw għall-ewwel darba.