Panama Bishops want to keep alive the experience of the Pope's visit for World Youth Day

L-Isqfijiet tal-Panama ppublikaw dokument intitolat “Nipproteġu t-Teżor li Għandna” li fih miġbura l-proċeduri li għandhom jittieħdu meta jkun rappurtat każ ta’ abbuż minn membri tal-kleru. Dan id-dokument għandu l-approvazzjoni tas-Santa Sede u jorbot il-Knisja Kattolika kollha fil-Panama.

L-Isqfijiet għadhom kif temmew l-assemblea nazzjonali tagħhom li damet sejra għaxart ijiem u fi tmiem din il-laqgħa qalu fi stqarrija li qed iġeddu l-impenn qawwi tagħhom li jipproteġu lit-tfal.

Mons. Jose Domingo Ulloa, l-Arċisqof tal-Panama li qabel daħal għall-assemblea nazzjonali kien għadu kif irritorna minn Ruma fejn attenda għal-laqgħa tal-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali tad-dinja li saret fil-Vatikan dwar il-Protezzjoni tat-Tfal fil-Knisja, qal li kienu qed jaċċettaw id-deċiżjoni tal-Papa Franġisku li jqisu kull każ ta’ abbuż li jkun rappurtat, bl-akbar serjetà.

Nipproteġu lit-tfal

“Se nirduppjaw l-isforzi tagħna biex nipproteġu lit-tfal billi napplikaw il-miżuri preventivi kollha li hemm bżonn biex neqirdu l-abbuż tat-tfal fil-Knisja” qalu fl-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet, liema stqarrija kienet rappurtata mill-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux”.

L-Isqfijiet Panamensi qalu li se jaħdmu biex ikun hemm bilanċ u jevitaw kemm il-ġustizzjaliżmu li jiġi minn sens ta’ ħtija minħabba l-iżbalji tal-imgħoddi u fl-istess waqt jiġġieldu l-attitudni difensiva li twassal biex ma jkunux iffaċċjati l-kawżi u l-konsegwenzi ta’ dawn l-atti kriminali gravi.

Din is-sena, fil-Panama kien ċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u l-Isqfijiet impenjaw ruħhom li jżommu ħaj l-ispirtu ta’ dan l-avveniment fost l-insara tal-pajjiż u rrikoxxew il-bżonn li jkun imsaħħaħ il-Ministeru taż-Żgħażagħ.

Sadattant fiċ-Ċile, pajjiż ieħor tal-Amerika Latina, wara li kien investigat mill-awtoritajiet ċivili u mfittex fil-Qorti għal danni ta’ $500,000, il-Kardinal Ricardo Ezzati, qal f’intervista ma’ stazzjoni televiżiv lokali, li wkoll kienet rappurtata minn “Crux”, li hu nnoċenti mill-akkużi li qed isirulu li ħeba każi ta’ abbużi sesswali mill-kleru u sostna li kull każ li kien rappurtat lill-Arċidjoċesi mil-2011 ‘l hawn – meta hu sar responsabbli – kollha kienu nvestigati.

Jien mhux infallibbli

Il-Kardinal li għall-ewwel ma riedx jixhed fil-kawża kontrih issa qal li lest jixhed jekk ikun mitlub jagħmel dan.

“Nista’ ngħid b’serenità u trasparenza, li bla dubju, stajna żbaljajna għax aħna umani wkoll u mhux infallibbli, imma żgur li kull każ li sirt naf bih kien investigat”.

Il-Kardinal iddefenda l-aġir tiegħu u qal li waħda mill-affarijiet li kellu jagħmel meta nħatar Arċisqof ta’ Santiago kien li “bi tbatija, b’mistħija u b’umiljazzjoni, jeżamina l-każi ta’ abbużi li kienu rappurtati”.

Il-Kungress Ċilen għandu proposta quddiemu biex jirtira ċ-ċittadinanza lill-Kardinal Ezzati. Mistoqsi dwar din il-proposta l-Kardinal qal li hu mweġġa’ ħafna minn din il-proposta li hi waħda nġusta fil-konfront tiegħu.