Il-Partit Nazzjonalista qal li mas-600 persuna f’Malta qed imutu minħabba mard relatat direttament mat-tniġġis tal-arja.

Fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio, sostna li huwa tat-tħassib kif in-numru tal-imwiet fost il-Maltin u l-Għawdxin minħabba l-kwalità ħażina tal-arja fil-pajjiż kważi rdoppja f’dawn l-aħħar tliet snin. Irreferew għall-istatistika tal-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent kienet turi l-imwiet prematur relatat mat-tniġġis tal-ajra kien jammonta għal 300 persuna. Insistew li hija responsabbilità tal-Gvern li jassigura li l-kwalità tal-arja f’Malta ma tkunx ta’ theddida għas-saħħa tan-nies u li ma tibqax sejra aktar lura.

“Residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta għandhom arja ħażina”

Intant semmew kif rapporti Ewropej qed jikkonfermaw li r-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta għandhom arja li hija 20 darba agħar mil-livelli aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem.

Insistew li l-mard respiratorju li qed iwassal għal imwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja fil-pajjiż huwa riżultat ta’ mudell ekonomiku bla pjan tal-Gvern li jrid ikabbar il-popolazzjoni u jħalli impatt negattiv fuq is-setturi tat-trasport u t-traffiku fost oħrajn.