Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-bdiewa u r-raħħala għax jemmen li dawn huma essenzjali għall-għixien u ambjent aħjar. Adrian Delia kien qed jitkellem waqt attività politika fil-Każin tal-Imġarr bit-tema Flimkien għal Pajjiżna. Delia semma li bħala Partit għamlu pressjoni fuq il-Gvern sabiex issir analiiżi tal-maltempata li seħħet ftit tal-ġimgħat ilu u bħala pajjiż japplikaw għall-Fond tas-Solidarjetà Ewropea.

Huwa saħaq li l-Partit Laburista ma jitkellimx fuq is-settur tal-biedja u l-istatistiċi li juru li dħul għall-bdiewa naqas b’9% filwaqt li l-importazzjoni żdiedet, il-bejgħ għall-prodott Malti naqset b’20% f’Malta u 35% f’Għawdex.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista qal li saret pressjoni biex tinħoloq polza tal-assigurazzjoni bis-sehem tal-Gvern biex il-bdiewa Maltin u Għawdxin ikunu protetti mir-riskji u jkunu jistgħu jinvestu fit-tul. Tenna li bħala Partit ressqu proposti biex jiġi emendat avviż legali għat-trasferiment ta’ qbiela. Huwa spjega li dan kien se joħloq diffikultajiet biex il-qbiela jiġu trasferiti minn ġenerazzjoni għall-oħra. Qal li permezz ta’ dawn l-emendi jiġi żgurat li l-art tibqa’ tinħadem għall-skop agrikolu biss u fl-aħjar ta’ min jaħdem ir-raba’ u l-ħarsien tal-ambjent.