Il-Pulizija qalet li saru raids fil-Madliena u f’San Pawl il-Baħar fejn instabet arma tan-nar u anke droga.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li dawn ir-raids saru fl-aħħar 48 siegħa. Ġew arrestati tliet persuni – mara ta’ 30 sena minn Bormla, raġel ta’ 66 sena bla residenza fissa, u raġel ta’ 29 sena mill-Qawra. Il-Pulizija għamlet tfittxija u sabet ammont tad-droga kannabis u kokaina. Instabu wkoll diversi mwieżen elettroniċi u affarijiet oħra użati fit-traffikar ta’ din id-droga. Instabu wkoll karti ta’ ewro foloz u arma tan-nar -.25 caliber mhux liċenzjata u xi munizjon.

Il-Pulizija qalet li mill-investigazzjonijiet li għamlet fl-aħħar xhur instab li r-raġel ta’ 29 sena kien il-moħħ wara t-traffikar tad-droga eroina u kokaina li kien qed isir fil-lokalitajiet fejn saru r-raids.

Ir-raġel ta’ 66 sena u l-mara ta’ 30 sena se jitresqu l-Qorti akkużati li poġġew flus falsifikati fiċ-ċirkolazzjoni u li assoċjaw ruħhom ma’ terzi biex jagħmlu dan. Ir-raġel ta’ 29 sena se jiġi akkużat bit-traffikar u pussess tal-kokaina, eroina, u l-kannabis li mhix għall-użu personali tiegħu. Qed jiġi akkużat ukoll li kkaġuna feriti gravi fuq terzi, li kellu arma tan-nar bla liċenzja, talli assoċja ruħu ma’ terzi biex ipoġġi flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Aktar dettalji dalwaqt