Minn tal-inqas raġel wieħed armat b’arma tan-nar qatel 49 persuna u darab 40 oħra waqt li kienu qed jitolbu f’żewġ moskej fi New Zealand, fl-agħar attakk bi sparar li qatt ra l-pajjiż. L-attakk ġie deskritt mill-Prim Ministru tal-pajjiż bħala terroriżmu.

Skont il-Pulizija, tliet persuni ġew arrestati inkluż raġel ta’ ftit inqas minn 30 sena li kien ġie akkużat bi qtil.

Reuters irrapporta kif kawża ta’ dan l-attakk, il-belt ta’ Christchurch ingħalqet kompletament u l-Pulizija ħejjew lilhom infushom għat-tfittxijiet tal-attakkant.

Intant filmati live ta’ raġel li identifika ruħu bħala Brenton Tarrant bdew jiċċirkolaw il-midja soċjali. Il-filmati juru l-attakk iseħħ, fejn ir-raġel jidher isuq lejn moskea, jidħol ġewwa, u jispara bl-addoċċ lejn il-persuni li kien hemm fija. Il-filmat juri wkoll bosta persuni mal-art midruba u anke mejta.

Il-Prim Ministru Jacinda Ardern qalet li din hija ġurnata ferm kerha għal New Zealand. Sostniet li dak li ġara huwa ċarament att straordinarju u ta’ vjolenza mingħajr preċedent.

Intant xhieda tal-każ spjegaw kif raġel liebes bħal suldat u li kien qed iġorr xkubetta daħal fil-moskea Al Noor u beda jispara bl-addoċċ. Skont il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ New Zealand, Mike Bush, l-isparaturi seħħew f’żewġ moskej. Intant appella sabiex il-pubbliku ma jmurx fil-moskej.