Minn riżultati li ħarġu minn laboratorji nstab li numru ta’ prodotti tat-trabi jimponu “riskju serju” fuq il-konsumaturi u t-trabi.

Fi stqarrija, l-Awtorità ta’ Malta għall-Konsumatur (MCCAA) qalet li saru testijiet fuq numru ta’ cots u baby carriers minn fuq is-suq lokali.

Instab li l-Baby Go-Sleeper changing table mhix konformi mal-istandard applikabbli peress li l-wisa’ u t-tul taċ-changing unit huma iżgħar minn dawk meħtieġa. Iċ-changing table u l-cot waqgħu matul it-test speċifikat fl-istandard u l-funzjoni tal-kampjun kienet imxekkla.

Instab li l-BabyGo-Sleeper travel cot mhix konformi mal-istandard applikabbli minħabba minħabba numru ta’ toqob u fetħiet fl-irkejjen tal-cot. Fuq in-naħa ta’ barra tal-cot, hemm but li fih riskji li tinqabad ras it-tarbija

L-Infantino-Swift baby carrier kellu nuqqas fit-test tad-durabilità. Il-baby carrier inkiser meta ġie ttestjat bit-tagħbija speċifikata fl-istandard wara li saru inqas minn terz taċ-ċikli meħtieġa.

Instab li l-Clippasafe-Carramio baby carrier inkiser meta ġie ttestjat bit-tagħbija speċifikata.

Dawk il-konsumaturi li xtraw dawn il-prodotti għandhom joqogħdu lura milli jużawhom u jieħduhom lura għand minn xtrawhom.

L-operaturi ekonomiċi għandhom ineħħu dawn il-prodotti minn fuq is-suq u jibgħatuhom lura lill-fornitur tagħhom. Tittieħed azzjoni ta’ infurzar kontra dawk l-operaturi li jinstabu li jipprovdu dawn il-prodotti lill-konsumaturi waqt spezzjonijiet futuri.

Għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat email lil marketsurveillance@mccaa.org.mt.