Wara li Crisis Resolution Malta rċeviet influss ta’ telefonati minn ġenituri u għalliema inkwetati dwar l-effetti li l-Momo Challenge jista’ jkollha fuq it-tfal, Newsbook.com.mt tkellem mal-psikjatra Mark Xuereb dwar il-modi kif ġenitur ikun jista’ jinduna li wliedu jinsabu f’riskju ta’ suwiċidju.

Dr Xuereb spjega kif hemm tliet sinjali ewlenin li wieħed ikun jista’ jidentifika meta t-tifel jew tifla tiegħu jkunu f’riskju ta’ suwiċidju. Dawn jinkludu:

  1. Ma jibdewx jieklu, jinħaslu u jieħdu ħsieb tagħhom infushom
  2. Jinqatgħu minn mal-bqija tas-soċjetà
  3. Iqattgħu aktar ħin fuq l-internet

Dwar l-aħħar spunt, Dr Xuereb kompla jinsisti dwar l-importanza li l-ġenituri jieħdu ħsieb dak li jaraw uliedhom fuq l-internet sabiex inaqqsu r-riskju li dawn imorru fuq websajts li forsi jistgħu jħawwdu l-imħuħ.

“Ta’ 13-il sena beda jibża’ li ħa jmut bil-lejl wara li ra filmat”

Dr Xuereb sostna li fl-aħħar ġimgħat semgħu bosta każijiet ta’ tfal li kienu impressjonati b’xi ħaġa li raw fuq l-internet. Spjega kif fost il-każijiet kien hemm dak ta’ tifel ta’ 13-il sena li wara li ra filmat tal-biżà fuq YouTube beda jibża’ li se jmut bil-lejl tant li spiċċa sabiex iffissa.

X’effetti għandha l-Momo Challenge?

Semma wkoll kif il-crisis line ta’ Crisis Resolution Malta bdiet tirċievi aktar telefonati fl-aħħar ġimgħat minħabba r-rapporti dwar il-Momo Challenge. Spjega li l-Momo Challenge la hija tip ta’ sfida u lanqas logħba, iżda hija invenzjoni ta’ persuna li ma għandhiex x’tagħmel, li tħawwad l-imħuħ u tqajjem ansjetà fost min qed jipprova jħarreġ lit-tfal u ż-żgħażagħ.

Spjega li s-sors tal-ansjetà ġej hekk kif xi drabi, aktar kemm jitqalu l-ordnijiet tagħha, saħansitra twassal sabiex tissuġġerixxi li persuna tikkommetti suwiċidju. Madanakollu sostna li minn studju mmexxi minn Sammaritans, organizzazzjoni ewlenija fir-Renju Unit dwar ir-riċerka tas-suwiċidju sabu li m’hemmx evidenza li din iżżid ir-riskju tas-suwiċidju u appellaw sabiex din ma tixxandarx b’mod sensazzjonali.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966 jew ibgħat imejl fuq crisismalta@gmail.com. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.