Indian Prim Minister Neranda Modi at an election rally

Il-komunitajiet żgħar fl-Indja għandhom iħossuhom siguri u kull reliġjon għandha tkun rispettata.  Din hi t-talba li qed jagħmlu l-Isqfijiet Kattoliċi qabel l-elezzjonijiet ġenerali fl-Indja x-xahar id-dieħel.

Il-Ministru Indjan tal-Affarijiet tal-Minoranzi u dak tal-Ġustizzja Soċjali, il-ġimgħa li għaddiet kellhom laqgħa mal-mexxejja tal-minoritajiet reliġjużi biex jgħinu lill-Partit Bharatiya Janata – li hu fil-Gvern –biex ikollu programm elettorali aktar inklussiv qabel l-elezzjoni ta’ April.

Żdiedu l-attakki kontra l-insara

Il-Knisja Kattolika qed issostni li l-Indja għandha tibqa’ pajjiż sekulari u li għandu jkun hemm “diversità” mhux “uniformità” billi l-Gvern jipproteġi l-kulturi u l-komunitajiet indiġeni.

Il-Partit tal-Prim Ministru Narenda Modi li ilu fil-Gvern mill-2014 hu affiljat mal-organiżazzjoni nazzjonalista tal-militanti Hindu. Kemm ilu fil-Gvern żdiedu l-każi ta’ attakki kontra l-minoranza tal-insara u ħafna nsara kienu arrestati u miżmuma fuq akkużi li ppruvaw jikkonvertu lil nies oħra u diversi postijiet ta’ talb sfaw  vandalizzati.

Ftit anqas minn 80% tal-popolazzjoni Indjana huma Hindu. L-akbar minorita reliġjuża huma l-Musulmani filwaqt li l-insara huma 2.3% biss.

Tmien proposti

Fil-laqgħa msemmija maż-żewġ Ministri l-Knisja Kattolika ressqet tmien proposti.

  • Il-minoranzi fl-Indja għandu jkollhom sigurtà garantita.
  • Il-Gvern għandu jippromwovi d-diversità u l-kulturi u komunitajiet indiġeni u jagħti każ b’mod partikolari lill-minoranza tad-Dalits, il-komunità tribali, il-foqra u l-emarġinati.
  • Jaħdem biex ikun hemm xogħol, djar, edukazzjoni u ikel għal kulħadd.
  • Ir-reliġjonijiet kollha għandhom ikunu rispettati anke meta l-Gvern jiġi biex jistabilixxi l-vaganzi.
  • L-Istituzzjonijiet Nazzjonali u l-Korpi awtonomi bħalma huma l-universitajiet, il-Bord tal-Eżamijiet, il-Ġudikatura għandhom jitħallew jaħdmu bla ndħil mill-Gvern.
  • Minħabba fl-importanza li għandha l-edukazzjoni, kull tibdil fis-sistema edukattiva nazzjonali għandu jsir bil-għaqal u b’mod gradwali.
  • Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Istituzzjonijiet Edukattivi tal-Minoranzi għandu jkollha membri mill-komunitajiet’ minoritarji kollha.
  • Ħadd fl-Indja m’għandu jkollu n-nazzjonalità miċħuda minħabba l-passat tiegħu.

Il-Knisja Kattolika għamlitha ċara li dawn il-proposti mhux maħsuba biss għall-Partit fil-Gvern imma dawn intbagħtu wkoll lill-partiti l-oħra kollha li hemm fil-pajjiż biex jikkunsidraw għall-programmi tagħhom.

L-avversarji politiċi ewlenin tal-Partit tal-Prim Ministru Modi hu l-Partit tal-Kungress li f’Diċembru li għadda rebaħ tliet stati fl-elezzjonijiet li kien hemm.

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li l-votazzjonijiet se jibdew fil-11 ta’ April u jkompli fis-seba’ fażijiet tagħhom sad-19 ta’ Mejju biex fit-23 tal-istess xahar jibda l-għadd tal-voti.

Fl-Indja hemm 900 miljun votant potenzjali li jridu jagħżlu 545 deputat għall-Parlament.