Il-Fondazzjoni Richmond tgħin persuni jerġgħu jitgħallmu kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom u jgħixu b’mod dinjituż permezz tal-proġett ta’ riabilitazzjoni f’Villa Chelsea f’Birkirkara.

Dan ġie spjegat fi stqarrija mill-Fondazzjoni propju wara t-tnedija ta’ kampanja ġdida sabiex tqarreb is-servizzi fi ħdanha mal-poplu li forsi għadu ma jafx bihom.

Filmat: Għandek problemi ta’ saħħa mentali? Fittex l-għajnuna

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-proġett fi ħdan Villa Chelsea jaħdem fuq il-prinċipju ta’ komunità terapewtika u huma r-residenti li jiddeċiedu kif titmexxa d-dar. Meta dawn jispiċċaw il-programm, għadd minnhom ikunu bla dar u b’hekk ikollhom bżonn ukoll appoġġ biex ikomplu jgħixu fil-komunità. Infatti, Richmond għandha mal-100 resident li jgħixu fid-djar u l-appartamenti tagħha, filwaqt li tibqa’ tgħinhom sabiex jkollhom ħajja ta’ kwalità u jilħqu l-potenzjal tagħhom.

“Appoġġ terapewtiku fid-djar”

Il-Fondazzjoni spjegat kif fi ħdanha għandha tim ta’ professjonisti li joffru appoġġ terapewtiku lil persuni ġewwa djarhom. Il-preżenza regolari ta’ professjonisti twassal biex persuna tirregola aħjar il-kundizzjoni ta’ saħħa mentali u b’hekk jonqos iċ-ċans li persuna jkollha bżonn tidħol l-isptar.

Interventi qosra

Servizz ieħor offrut mill-Fondazzjoni Richmond huwa dak ta’ interventi qosra ma’ persuni li jkollhom bżonn informazzjoni, gwida dwar x’servizzi jeżistu u servizzi professjonali bħal ta’ psikologi u terapisti. Ġie spjegat li dan is-servizz, is-sena l-oħra rċieva mal-1,600 telefonata.

150,000 Malti jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali – Richmond Foundation

Richmond tipprovdi wkoll taħriġ varju inkluż dak tal-Mental Health First Aid, li permezz tiegħu ġew imħarrġu mal-2,000 persuna. Richmond joffri wkoll appoġġ għall-impjegati lil 70 kumpanija, li fihom jimpjegaw mal-20,000 persuna.

Proġetti wkoll għat-tfal

Intant, il-Fondazzjoni semmiet ukoll il-proġett KIDs li għal dawn l-aħħar 10 snin serva bħala proġett residenzjali għal tfal li juru mġieba diffiċli. Il-programm huwa immexxi fuq il-prinċipji ta’ komunità terapewtika u t-tfal huma involuti fit-tehid tad-deċiżjonijiet li jaffetwawhom.