Dixxiplina sportiva li qegħda tikseb dejjem iżjed popolarita’ fost il-Maltin, anke jekk ilha tagħmel parti mill-kultura sportiva ta’ ħafna pajjiżi barranin, huwa l-‘boxing’.

Għalkemm bosta huma dawk li jqisu lil dan l-isport bħala wieħed vjolenti, il-‘boxing’ jitlob ħafna konċentrazzjoni, taħriġ, dedikazzjoni u teknika. Qalilna dan Inzaghi Xuereb, atleta ta’ 20 sena li huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar ‘boxers’ promettenti fix-xena lokali.

Inzaghi jaħdem 40 siegħa fil-ġimgħa iżda xorta jsib ħin biex jitħarreġ darbtejn jew tliet darbiet kuljum, filwaqt li jsegwi il-pariri siwja tal-kowċ tiegħu Roland Sammut u d-dieta preċiza li tingħatalu min-nutrizzjonista Susan Borg.

Roland iqatta’ sigħat twal iħarreġ lil Inzaghi f’din id-dixxiplina sportiva u bejniethom nibet rispett kbir. Mogħni b’umilta’ u b’rieda soda, Inzaghi jipprattika dan l-isport bħala ‘amateur’, fejn ix-xewqa ta’ kull ‘amateur boxer’ hija l-parteċipazzjoni fil-Logħob Olimpiku. Aspirazzjoni oħra ta’ dan l-atleta żagħżugħ hi li jieħu sehem fil-Logħob tal-Commonwealth tal-2022 u mistenni jipparteċipa fil-kampjonat nazzjonali li ser jittellgħa fi tmiem din is-sena. Inzaghi diġa’ rebaħ ħames konfronti minn seba’ u fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed jikkompeti wkoll ġewwa l-Irlanda u l-Ingilterra.