Kantanta lokali li għadha kemm ħarġet l-ewwel single tagħha bl-isem ta’ Fearless sostniet li l-messaġġ wara l-kanzunetta huwa propju wieħed ta’ kuraġġ.

Jessica Magro rrimarkat li wieħed qatt ma għandu jibża’ mill-ħolm tiegħu, anke meta ta’ madwaru jgħidulu li qatt ma hu se jasal. Sostniet li bil-kanzunetta li kitbet fi żmien meta kella xi ftit dwejjaq u għaddiet minn ċertu affarijiet ħżiena, ġiet ispirata li tikteb il-kanzunetta biex turi li jekk wieħed jagħmel l-almu tiegħu, hemm ċans kbir li l-ħolm tiegħu jiġi realtà.

“L-għalliema tal-mużika ħeġġitni nibda nkanta”

Magro rrakkuntat kif bdiet tkanta fl-2002 meta kienet Form 1. Spjegat li l-għalliema tal-mużika kienet tagħta l-opportunità biex tkanta u minn hemm ħeġġitha biex tibda tieħu l-lezzjonijiet. L-ewwel għalliema li kellha kienet Doreen Galea.

Minn hemm, Magro marret sabiex fl-2017 irnexxiela tirbaħ il-konkors tal-kanzunetti bil-Malta, l-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta “Meta r-ramel jitħallat mas-silġ”. Magro sostniet li għadha sal-lum il-ġurnata skantata li kienet irnexxiela tirbaħ il-konkors propju l-ewwel darba li pparteċipat fih.

Filmat: Miguela Xuereb