Omm studenta tal-Form 3 fi skola sekondarja f’Ħal Qormi sostniet li bintha ilha mill-bidu tas-sena skolastika mingħajr għalliema tal-Ingliż. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni baqa’ sieket dwar is-sitwazzjoni.

Ma’ Newsbook.com.mt l-omm irrakkuntat kif għall-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika, il-klassi ta’ bintha kellha għalliema, iżda wara ġimgħa din waqfet tiġi. Spjegat li l-unika tip ta’ edukazzjoni fl-Ingliż li ħadet il-klassi ta’ bintha kien meta għal sitt ġimgħat kellhom studenta għalliema. Qalet li din baqgħet hemm sat-tmiem tal-prattika f’Diċembru imbagħad it-tfal reġgħu spiċċaw bla għalliema.

L-omm irrakkuntat kif bintha u t-tfal fil-klassi tagħha kellhom jagħmlu l-eżami xorta waħda daqs studenti oħrajn li kellhom għalliema tal-Ingliż. Qalet li l-għalliema tagħhom kemm-il darba tidher l-iskola madanakollu t-tfal xorta waħda mhux jirċievu l-edukazzjoni neċessarja.

Intant, omm oħra qalet li fl-istess skola, klassi oħra tal-Form 3 spiċċaw mingħajr għalliema tal-Ingliż wara li din kellha tarbija. Qalet li minħabba f’hekk l-istudenti baqgħu bla għalliema.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ma jweġibx

Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn staqsa dwar is-sitwazzjoni tal-għalliema tal-Ingliż nhar is-7 ta’ Marzu. Minkejja t-tfakkira lill-Ministeru mibgħuta nhar it-12 ta’ Marzu, din il-kamra tal-aħbarijiet baqgħet mingħajr risposta.