BOV

Il-Grupp Bank of Valletta ħabbar profitt ta’ €146.2 miljun għall-2018 li huwa 5.8% aktar mir-riżultat annwalizzat għas-sena 2017. Kif kien imħabbar minn qabel, id-dividends mhux se jkunu qed jitħallsu.

Fi stqarrija, il-BOV qal li l-profitt qabel it-taxxa kien ta’ €71.2 miljun għas-sena finanzjarja tal-2018 wara proviżjoni ta’ €75 miljun għal każijiet ta’ litigazzjoni.

Skont il-bank, il-muturi tan-negozji li wasslu għal dan ir-riżultat jinkludu d-domanda kostanti għas-self. Is-self lejn klijenti tal-bank kiber bi 3% matul l-2019 biex laħaq €4.6 biljun. Żied jgħid li d-depożiti tal-klijenti kibru bi ftit iżjed minn 3% u li issa jammontaw għal €12-il biljun.

“Sena ta’ sfidi u suċċessi għall-BOV” – Chairman

Iċ-Ċermen tal-BOV Deo Scerri qal li dawn ir-riżultati “b’saħħithom” ġew milħuqa fi żmien ta’ “sfidi kbar”. Qal li dawn ivarjaw minn kompetituri ġodda għal konformità ma’ regolamentazzjoni ġdida bħal GDPR u MiFID II.

Scerri qal li l-Bord tad-Diretturi ddeċieda li ma jħallasx il-ħlas ta’ dividend fi flus għas-sena 2018. Spjega li waħda mill-fatturi li wasslet għal din id-deċiżjoni kienet l-inċertezza b’rabta ma’ numru ta’ kawżi fil-Qorti.

Intqal li l-Bord iddeċieda li jagħmel “bonus issue” billi jagħti sehem wieħed għal kull għaxar sehem li għandu kull azzjonist. Il-Bank qal li għandu l-intenzjoni li jerġa’ jibda jħallas dividend fi flus b’mod regolari

F’Marzu tal-2018, il-grupp tal-Bank of Valletta irreġistra profitt ta’ ftit inqas minn €175 miljun, fejn il-Bank ħabbar li se jkun qed jagħti dividend ta’ €0.08ċ għal kull sehem.

Filmat: €75 miljun inqas fi profitti għall-BOV minħabba kawżi legali