Studju ġdid sab li t-tfal u ż-żgħażagħ li ma jtemmux l-edukazzjoni sekondarja tagħhom huma f’riskju akbar li jispiċċaw isofru minn problemi ta’ saħħa mentali.

L-istudju li sar mill-Professur Carmel Borg u l-Professur Milosh Raykov iħares lejn studenti li jieqfu mill-iskola u t-taħriġ qabel iż-żmien. Dan jinkorpora studenti li għandhom bejn 18 u 24 sena li kienu telqu mill-iskola obbligatorja u li ma għandhomx minn tal-inqas ħames O-Levels.

Mill-analiżi ta’ studji oħrajn, il-professuri sabu li dawn il-persuni li telqu mill-edukazzjoni kmieni huma inqas sodisfatti bl-edukazzjoni tagħhom, bix-xogħol preżenti u bil-kwalità tal-ħajja, ma humiex sodisfatti bil-ħajja soċjali, jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali, huma inqas sodisfatti b’ħajjithom u jħossuhom esklużi soċjalment. Sabu wkoll li dawn il-persuni jkunu inqas kalmi u enerġetiċi, ikollhom aktar problemi tas-saħħa u ma jkollomx stabbilità f’xogħolhom

X’inhuma r-raġunijiet għaliex jitilqu?

L-istudju sab li fost l-oħrajn hemm fatturi individwali, fosthom diżabilitajiet, fatturi tal-grupp bħal peer groups, problemi fil-familja u nuqqas ta’ interess fl-iskola fit-tfal. Fattur ieħor huwa l-edukazzjoni u t-tibdil fil-valur, l-ekonomija, l-kultura u problemi politiċi.

Ir-rata naqset imma Malta għadha ħafna ‘l fuq mill-medja

Ir-riċerkaturi spjegaw kif minkejja li l-medja naqset matul is-snin, Malta xorta għad għandha rata aktar għolja minn dik Ewropea. F’Ottubru tal-2018 l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) irrapporta li l-istudenti li qed jitilqu kmieni mill-iskejjel naqas mill-2017 (17.5%) meta kkumparat mal-2013 (20.3%) u anke mal-2009 (27.1%). Minkejja dan, l-istatisika xorta waħda hija għolja iktar mill-medja Ewropea li bħalissa hija dik ta’ 10.6% u ‘l bogħod mill-mira tal-2020 li tinżel għal 10%.

Il-Gvern mhux qed jindirizza l-problema – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed ifalli milli jindirizza l-ammont ta’ studenti li mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom. Il-PN qal li dawk li jitilqu kmieni mill-iskola ma jkunux jistgħu jaspiraw għall-aqwa impjiegi bl-aħjar paga u minflok jispiċċaw fiċ-cheap labour.

Il-Gvern se jżid it-titjib edukattiv- Ministeru għall-Edukazzjoni

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni fi stqarrija qal li huwa ottimist. Elenka titjib li għamel fis-settur li jinkludi klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC b’xejn, programmi ffkuati, tablets għat-tfal, u eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC b’xejn.