torri db sit ITS mistenni approvat

Għadd ta’ residenti, għaqdiet u tliet Kunsilli Lokali fetħu żewġ kawżi l-Qorti dwar il-proġett tal-Grupp db li se jkun qed jieħu post il-binja li qabel kienet tintuża mill-ITS. Dan ġie mħabbar minn Moviment Graffitti fi stqarrija fejn ġie spjegat li l-kawżi kienu possibbli bid-donazzjonijiet tal-pubbliku wara ġabra li għamlu li telgħet għal €26,000.

L-appellanti qed iressqu appell il-Qorti kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ippjanar fl-aħħar ta’ Frar fejn reġa’ tenna l-approvazzjoni tiegħu għall-iżvilupp kontroversjali tal-Grupp db f’Bajja San Ġorġ. Il-proġett li se jieħu post il-binja li qabel kienet tintuża mill-ITS se jkun jinkludi fih torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular. Hu kien ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru li għadda minkejja l-eluf ta’ oġġezzjonijiet li kienu daħlu dwar dan il-proġett.

Aġġornata: Approvat mill-ġdid il-proġett tal-Grupp db

Moviment Graffitti spjega kif filwaqt li t-Tribunal iddeċieda favur l-appellanti fuq numru ta’ punti, huwa ċaħad ukoll numru ta’ argumenti validi li huma kruċjali għas-saħħa u l-benesseri tal-komunità u l-kapaċità tal-infrastruttura biex tiflaħ għal żvilupp tat-tip. Min-naħa tagħhom, ir-residenti, l-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali qed jappellaw għal riżoluzzjoni trasparenti u sostenibbli dwar numru ta’ punti legali li għadhom mhux solvuti.

Fl-azzjoni fil-Qorti, il-partijiet ikkonċernati sostnew li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li toħroġ il-permess lill-Grupp db qed tikser il-liġi Maltija peress li l-proċess ma kienx isegwi l-prinċipju tal-ġustizzja naturali u l-proċeduri rilevanti.

Iż-żewġ azzjonijiet il-Qorti saru minn:

  • Tliet Kunsilli Lokali: Pembroke, San Ġiljan u Swieqi
  • Erba’ NGOs: Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth Malta
  • Disa’ residenti