L-eżaminazzjoni tal-batterji u l-viruses fl-imnieħer tat-tfal tista’ tgħin biex ittejjeb id-dijanjożi u t-trattament ta’ infezzjonijiet severi tal-pulmun. Dan ħareġ minn studju ġdid li qed isir fl-Università ta’ Edinburgh.

Infezzjonijiet fil-pulmun huma l-iktar kaġun primarju tal-imwiet ta’ tfal taħt il-ħames snin madwar id-dinja kollha. L-istudju sab li l-batterji u l-viruses jolteraw l-istruttura tagħhom fl-imnieħer ta’ tfal b’infezzjonijiet respiratorji.

Skont ir-riċerkaturi dan l-istudju se jgħin biex it-tobba jkunu jistgħu jifhmu iktar għalfejn xi tfal huma iktar suxxettibli għal infezzjonijiet minn oħrajn filwaqt li jgħin ukoll biex jinstab ilqugħ għal infezzjonijiet serji tal-pulmun.

Ir-riċerkaturi fl-Università ta’ Edinburgh sabu li d-differenzi li sabu fl-istruttura tal-batterji u l-viruses jindikaw s-severità tal-kundizzjoni, u li dan se jgħin lit-tobba biex jevalwaw aħjar kull każ dwar kemm tfal morda b’dawn il-kundizzjonijiet ikollhom bżonn jibqgħu l-isptar għall-kura. Huma sostnew ukoll li f’każijiet inqas serji dan jista’ jwassal għal inqas teħid ta’ antibijotiċi u jgħin lit-tfal jirkupraw b’mod naturali.