Hekk kif fl-aħħar jiem qamet kontroversja fuq il-midja soċjali wara li puma dehret timxi fuq bejt f’dak li kien qed jiġi meqjus bħala spazju żgħir, jidher li l-pubbliku ġġudika mingħajr ma ra l-istampa kollha.

Il-filmat, li allegatament inġibed fil-Fgura, inxtered fuq il-midja soċjali u wassal sabiex is-sid bagħat messaġġ lil Animal Liberation Malta fejn ordna li jitneħħa l-filmat hekk kif hu insista li għandu kollox skont il-liġi. Ir-raġel insista li jekk mhux se jitneħħa l-filmat se jkun qed jieħu passi legali min-naħa tiegħu.

Aktar kmieni llum, b’risposta għall-għidut kollha, Etienne Gracey tella’ żewġ filmati fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li juru l-ispazju li fil-verità l-puma għandha fejn timraħ. Il-filmat juri kemm il-puma fil-verità hu fidil u leali, u rispettat minn sidu.