Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta pproponiet soluzzjonijiet li għandha bżonn l-Ewropa li huma fidili lejn twemmin Kattoliku. Dawn inħarġu fi ktejjeb imħejji apposta għas-saċerdoti sabiex iservi bħala għajnuna għar-riflessjoni għal matul iż-żmien tar-Randan, b’mod speċjali għall-omeliji li jsiru fil-Ħdud.

Fid-daħla tal-ktejjeb miktuba mill-President tal-Kummissjoni Daniel Darmanin, issemma kif Malta se tkun qed tingħaqad ma’ pajjiżi Ewropej biex flimkien jivvutaw u jelleġġu l-membri tal-Parlament Ewropew. Ġie spjegat li minkejja kollox, l-elezzjonijiet f’Malta jservu biex ikomplu jsaħħnu l-qiegħa politika u jintensifikaw il-polarizzazzjoni li ssaltan f’Malta. Għalhekk il-Kummissjoni ħasset il-bżonn li tenfasizza li l-Knisja, “fil-mixja tagħha wara l-Mulej, għandha d-dmir titfa’ dawl Nisrani fuq dak li jkun għaddej minnu l-poplu.”

Id-dokument tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq dak imħejji mill-Justice & Peace Europe (JPE) jiffoka fuq erba’ temi komuni għall-pajjiżi Ewropej. Dawn jinkludu:

  1. Il‑ġustizzja soċjali, id‑distribuzzjoni tal‑opportunitajiet u tal‑ġid, il‑faqar u l‑esklużjoni soċjali;
  2. Il‑ħarsien tal‑ambjent, inkluż il‑ħela tal‑ikel;
  3. Il‑paċi globali, u r‑realtà tal‑esportazzjoni tal‑armi;
  4. Ir‑rispett għad‑dinjità u d‑drittijiet ta’ kull bniedem li huma mhedda minħabba prattiċi ekonomiċi inġusti.

Tista’ tara l-ktejjeb imħejji mill-Kummissjoni minn hawn.