Mario Cappello, Malti li bħalissa qiegħed f’New Zealand qal li f’New Zealand in-nies huma tolleranti ħafna għall-kulturi differenti u li allura x-xokk wara l-massakru li fih inqatlu 49 persuna kien akbar.

Cappello qal dan waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM. Spjega kif New Zealand huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar postijiet trankwilli fid-dinja. Żied jgħid li l-att terroristiku kien xi ħaġa li ħadd ma stenna li kienet se tiġri f’post fejn ma jsirux sparaturi. Il-popolazzjoni ta’ Christchurch hija ta’ madwar 374,000 persuna.

Il-kondoljanzi tal-Papa għall-massakru ta’ New Zealand

Cappello qal li huwa tal-mistħija li jkun hawn terroristi li jippruvaw jużaw l-isem ta’ Alla biex jiġġustifikaw dak li jagħmlu. Fi kliem Cappello, il-poplu ta’ New Zealand ma tantx huwa impressjonat bl-aspett tar-reliġjon f’dan l-attakk. Qal li aktar huma impressjonati kif persuna daħlet f’post ta’ talb u għamel massakru.

‘M’hemmx kliem li jista’ jesprimi rispett’ – Prudence Walker

Newsbook.com.mt għamel ukoll kuntatt ma’ Prudence Walker, konsulenta li tgħix fi Christchurch. Qalet li l-komunità tinsab muġugħha ħafna u li m’hemm l-ebda kliem li jista’ jintqal biex jesprimi rispett lejn il-vittmi ta’ dan l-attakk terroristiku. Walker qalet ma’ Newsbook.com.mt li għal din ir-raġuni ma jkunx xieraq li tiġi intervistata f’dan il-mument. Irreferiet għall-kliem tal-Prim Ministru Jacinda Ardern u tal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ New Zealand li qalet li qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna f’dan il-mument.

Aġġornata(2): Ritratti: Jattakka 2 moskej fi New Zealand; 49 mejta u 40 midruba

X’ġara lbieraħ fi New Zealand?

Brenton Harrison Tarrant, ċittadin Awstraljan ta’ 28 sena wettaq attakk terroristiku u xandar dak li kien qed jagħmel permezz ta’ filmat live fuq Facebook. Il-filmat juri l-attakk iseħħ, fejn ir-raġel jidher isuq lejn moskea, jidħol ġewwa, u jispara bl-addoċċ lejn il-persuni li kien hemm fija. Il-filmat juri wkoll bosta persuni mal-art midruba u anke mejta.

Intant, fil-filmati stess wieħed seta’ jara kif it-terrorist kellu l-kliem ‘Malta 1565’ miktub fuq wieħed mill-armi tan-nar tiegħu. Dan il-kliem jidher li sar b’referenza għall-Assedju l-Kbir ta’ Malta li seħħ fis-sena 1565. Dakinhar, l-Imperu Ottoman ipprova jieħu kontroll ta’ Malta. Minbarra Malta kien hemm ukoll kitbiet oħrajn fuq l-arma tan-nar li jirreferu għal battalji kbar l-Insara kontra l-Musulmani.

X’inhuma l-aħħar aġġornamenti?

Is-suspettat ewlieni tal-attakk fuq żewġ moskej fi New Zealand tressaq il-Qorti akkużat bi qtil propju l-għada tal-attakk li wassal għall-qtil brutali ta’ 49 persuna u għexieren oħrajn midruba. L-attakk wassal ukoll sabiex il-Prim Ministru tal-pajjiż tagħmel wiegħda ta’ riforma fil-liġijiet dwar l-armi tan-nar.