Għalkemm ir-randan hu magħruf bħala żmien ta’ sagrifiċċju u sawm, is-46 jum bejn Ras ir-Randan u l-Għid jistgħu jkunu ta’ sfida għal dawk li jagħżlu li jwaqqfu ċertu vizzji jew drawwiet tagħhom.

Madanakollu Del Hall sab l-ewwel ġimgħa tar-Randan pjuttost faċli, allavolja għażel li jwaqqaf jsum billi jwaqqaf l-ikel għal kollox tul dan il-perjodu. Dan hekk kif Hall, minn Ohio, ħa deċiżjoni xokkanti li waqt ir-Randan ma jiekol xejn u minflok jixrob biss bejn żewġ u ħames flixken birra kuljum.

Hall, li jaħdem ma’ kumpanija internazzjonali tal-birra u hu veteran tal-gwerra, qal li din id-deċiżjoni ġiet ispirata mir-ritwali tas-seklu 18 tal-patrijiet fil-Bavarja.

Wara li wettaq l-isfida ta’ sawm totali għal ftit jiem, huwa qal li tilef 6kg. Madanakollu huwa saħaq li din mhix xi dieta ġdida li n-nies għandhom jippruvaw.

F’wieħed mill-filmati tiegħu fuq YouTube, Hall qal li kuljum qed iqum jixrob ftit ilma u kafe u jibda jixrob il-birra wara nofsinhar. Żied jgħid li l-maġġoranza tal-birra jixrobha meta jkun id-dar.

Huwa saħaq li s-sawm jogħġbu u mhux isib ir-Randan bħala żmien diffiċli ħafna. Madanakollu huwa ammetta li l-ewwel ftit jiem tar-Randan kienu xi ftit iebsa għalih għax kellu jiġġieled il-kilba li kellu għall-ikel li mdorri jiekol u li vera jħobb.

Hall qal li f’Ras ir-Randan xorob birra waħda biss, u iktar ma jgħaddi ż-żmien beħsieb jesperimenta b’xarbiet differenti.