Ritratt: David Casa - Facebook

Ġurnalista Torka li qed taffaċċja sentenza ta’ 13-il xahar ħabs appellat lill-ġurnalisti sabiex ma jħallu lil ħadd isikkithom.

Dan qalitu Pelin Ünker waqt laqgħa li għamlet mal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa. Ünker kienet irrappurtat dwar fatti li ħarġu fil-Paradise Papers li kixfu persuni f’karigi għolja fil-Gvern Tork.

Min-naħa tiegħu Casa sostna li hemm bżonn li l-politiċi juru rispett lejn l-irwol ta’ ġurnalist investigattiv. Casa sostna li mingħajr midja ħielsa ma jistax ikun hemm demokrazija. Insista li l-ġurnalisti qed jaffaċċjaw pressjoni dejjem aktar kbira, hekk kif issa saħansitra qed jintbagħtu l-ħabs jew jiġu assassinati dwar dak li jiktbu. Sostna li dan l-atteġġjament mhu aċċettabbli fl-ebda pajjiż.

Skont l-istqarrija, Ünker li hija parti mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) qalet li l-politiċi għandhom irwol fundamentali biex jassiguraw li l-liġijiet li jissalvagwardjaw il-ġurnalisti jkunu f’posthom. Sostniet li l-ġurnalisti u l-attivisti fis-soċjetà ċivili jridu jaħdmu flimkien, filwaqt li dawk kollha li qed ibagħtu konsegwenzi koroh talli għamlu xogħolhom ma għandhom jintesew qatt.

Fl-aħħar jiem qamet kontroversja dwar il-wasla ta’ Ünker f’Malta hekk kif il-visas tar-raġel tagħha u anke tat-tifel tagħha ta’ sena ma nħarġitilhomx il-visa.

“Casa mhux kredibbli” – PL

Fi stqarrija b’reazzjoni għal-laqgħa ta’ Casa, il-Partit Laburista sostna li Casa ma jistax jittieħed bis-serjetà meta jitkellem dwar l-irwol u l-libertà tal-midja. Sostnew li sal-bieraħ Casa kien qed jipprova jgħafas ġurnalist fil-Qorti biex jikxef is-sors tiegħu.