Malta kisbet ħames midalji tad-deheb, tlieta tal-fidda u oħra tal-bronż. Dawn is-suċċessi inkisbu fid-dixxiplini tal-għawm, ċikliżmu, atletika u bowling.

Malta rnexxiela tikseb l-ewwel midalja tad-deheb fl-għawm permezz tal-Għawdxija Maria Pia Saliba meta kisbet l-ewwel post fit-tellieqa tal-25 metru magħrufa bħala butterfly. Żewġ atleti oħra rnexxielhom jiksbu l-ewwel post fiċ-ċikliżmu. Ann Ebejer rebħet it-tellieqa tal-mitejn metru, it-tim tal-bowling permezz tat-tim Unified Bowling rebħu midalja oħra tad-deheb.

Il-kontinġent Malti kiseb ukoll tliet midalji tal-fidda, tnejn fit-table tennies u oħra fil-ġinnastika. Il-midalja tal-bronż intrebħet minn Enrique Scerri fil-ġinnastika.

Intant bosta kienu dawk li ferħu lill-atleti Maltin għas-suċċess tagħhom f’dawn l-Olimpjadi fosthom is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis li bħalissa jinsab f’Abu Dhabi flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-mara tiegħu kif ukoll mas-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.

Il-Ministru għal Għawdex Jusyne Caruana f’post fuq Facebook ferħet lill-atleti għas-suċċess li għamlu f’dawn l-olimpjadi.