Genoa rnexxilhom jiksbu rebħa ta’ 2-0 f’darhom kontra Juventus f’logħba li ntlagħbet illum waranofsinhar. Massimiliano Allegri għażel li jserraħ lil Cristiano Ronaldo wara li dan skurja tripletta fil-logħba tal-UEFA Champions League kontra Atletico Madrid u n-nuqqas tal-istilla Portugiża nħass tassew.

Kien Stefano Sturaro, li ngħaqad ma’ Genoa b’self mingħand l-istess Juventus f’Jannar li għadda, li fetaħ l-iskor fit-72 minuta. L-eks plejer ta’ Inter Milan u Napoli, Goran Pandev, għamilhom 2-0 ftit minuti wara sabiex ta l-ewwel telfa fil-kampjonat lill-‘bianconeri’.

Minkejja dan ir-riżultat negattiv, Juventus għadhom fl-ewwel post tal-klassifika b’vantaġġ ta’ 18-il punt fuq Napoli filwaqt li Genoa issa jinsabu fit-12-il post bi 33 punt.