Il-Kap tas-Safeguarding Commission tal-Knisja Andrew Azzopardi appella lill-Parlament Malti biex fil-Liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri jkun hemm il-protezzjoni meħtieġa għat-tarbija fil-ġuf.

Fl-abbozz ta’ liġi li bħalissa jinsab fl-istadju tat-tieni qari bil-Ministru għall-Familja Michael Falzon mistenni jagħlaq id-dibattitu għada t-Tnejn, ma hemm l-ebda riferenza għat-tarbija fil-ġuf.

Andrew Azzopardi, li kien mistieden fil-programm Follow-up fuq RTK 103FM, qal li l-ħaddiema soċjali għandhom jingħataw l-għodod biex meta jidħlu fuq każ ta’ mara tqila, ikun jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu t-tarbija fil-ġuf.

“Mingħajr ma nidħol fuq id-dibattitu dwar l-abort, fl-Ingilterra fejn ħdimt, minkejja li  l-abort huwa legali, xorta it-tarbija fil-ġuf hija protett bil-liġi, jiġifieri aħna bħala ħaddiema soċjali li naħdmu fic-child protection jekk ikollna każ ta’ mara tqila, inkunu nistgħu nipproteġu l-tarbija fil-ġuf, jiġifieri anki pajjiżi fejn hemm l-abort dan isir.

“Dan huwa passi fejn f’pajjiż li għal grazzja t’Alla l-abort huwa mhux legali għall-inqas sal-lum, wisq iktar għandha nagħmluh,” saħaq Azzopardi.

Il-membru parlamentari Nazzjonalista Claudio Grech qabel li l-protezzjoni tat-tfal għandha tiġi ukoll estiża għal protezjoni tat-tarbija fil-ġuf.

Huwa qal li meta wieħed jitkellem fuq il-kategorija ta’ tfal vulnerabbli li ma jistgħux jiddefendu ruħhom żgur li din għandha tinkludi t-tarbija fil-ġuf.

“Aħna nemmnu u diġa’ hemm ċertu sinjali, li t-tarbija fil-ġuf għandha tingħata l-protezzjoni li tixriqilha taħt il-liġi u b’hekk inreġġgħu lura xi ftit minn dak li ġara meta t-tarbija mill-ġuf kienet tneħħiet mil-lista ta’ persuni li ngħataw protezzjoni,” temm jgħid Grech.