Francis Zammit Dimech qal li jekk jerġa’ jiġi elett fil-Parlament Ewropew huwa jixtieq jaħdem fil-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat li fost l-oħrajn hu responsabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer. L-aħħar Malti li kien fuq dan il-Kumitat tal-Parlament Ewropew kien Dr Simon Busuttil fiż-żmien li għamel bħala Membru Parlamentari Ewropew.

F’attività politika f’San Lawrenz huwa qal li se jimpenja ruħu li jerġa’ jipprowovi lill-gżira Għawdxija mill-Parlament Ewropew.

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif waħda mill-ewwel attivitajiet li hu kien organizza fil-Parlament Ewropew kien dibattitu fuq ir-reġjun Għawdxi flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea. Zammit Dimech fakkar kif il-PN irid li Għawdex ikun reġjun u li jkollu kunsill reġjonali u mhux awtorità ikkontrollata mill-Gvern.

Zammit Dimech tkellem ukoll dwar il-konnettività. Hu qal li l-Gvern ħela sitt snin u mhux talli ilu sena jfittex ir-raba vapur talli qiegħed tard biex jibda servizz tal-fast ferry.

“Għawdex kellu telephone diġitali qabel Malta”

Zammit Dimech fakkar li bħala Ministru tal-Komunikazzjoni kien daħħal is-sistema tat-telephone digitali f’Għawdex qabel Malta. Qal li għalih Ghawdex dejjem kien prijorità.

Waqt il-konferenza tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex Chris Said li faħħar lil Zammit Dimech għal mod kostanti li bih jindirizza l-kwistjonijiet relatati ma’ Għawdex. Said faħħar ukoll kif Zammit Dimech irnexielu jaħdem fuq bosta aspetti minkejja li kien ilu fil-Parlament anqas minn sentejn.

Tkellemu wkoll id-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi u l-Kandidat tal-PN għall-Kunsilli Lokali Kevin Cutajar.

Blogg: Għawdex bħala reġjun ifisser li Għawdex ikun prijorità