50 triq f’Għawdex se jkunu qed jindnew mill-ġdid, dan ma jinkludix biss kisja bit-tarmak iżda anke l-bini mill-ġdid tal-pedamenti, bdil jew introduzzjoni tas-servizzi u l-bini ta’ bankini aktar aċċessibli. Dan ħabbritu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt żjara li għamlet fi Triq il-Ħamrija fix-Xewkija.

Hija qalet li x-xogħol se jsir fit-toroq madwar Għawdex kollu u ġew ippublikati tenders għall-toroq oħra fosthom għal Triq l-Imgħallem u Triq ta’ Wara s-Suq fir-Rabat kif ukoll Triq iż-Żewwieqa fil-Qala. Dawn it-toroq intgħażlu wara konsultazzjoni mal-kunsilli lokali biex ikun hemm prijoritizzazzjoni skont il-ħtieġa. Il-Ministru qalet li għaddej eżerċizzju biex ikun hemm immaniġjar tat-traffiku u b’hekk ikun hemm inqas tniġġis tal-arja.

Spjegat li permezz ta’ dawn it-toroq il-Gvern se jkun qed iżomm mal-wegħda ewlenija tiegħu. Hija qalet li dawn it-toroq huma l-maġġoranza residenzjali iżda wkoll arterjali.