L-MEP Laburista Alfred Sant qal li l-Gozo Channel teħtieġ li tikkummissjona vapur ieħor sabiex tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber ta’ nies jaqsmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex.

Huwa qal dan f’laqgħa mal-Kumitat Laburista tal-Għarb u mal-kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali. Skontu, l-aqwa soluzzjoni tkun fast ferry issussidjat mill-Gvern.

Ir-residenti tal-Għarb spjegaw lil Sant li l-popolazzjoni fir-raħal tagħhom qed tiżdied bil-wasla ta’ Maltin u barranin li jagħżlu biex jgħixu hemmhekk. Dan wassal biex jiftħu aktar ristoranti u tiżdied l-akkomodazzjoni għal turisti f’farmhouses u boutique hotels ġodda.

L-MEP wiegħed lill-Għawdxin li jekk jerġa’ jkun elett fil-Parlament Ewropew jibqa’ l-vuċi tal-Għawdxin u jibqa’ jaħdem ma’ MEPs minn gżejjer oħra fl-UE biex jiżgura għajnuna finanzjarja u fondi għal Għawdex fil-ħames snin li ġejjin.