Wara snin ekonomiċi iebsa u li ħallew impatt sostanzjali fuq bosta, l-ekonomija Griega fl-aħħar xhur qed tkun meqjusa bħala waħda mill-iktar ekonomiji li taw riżultati posittivi fiz-zona ewro skont rapport tal-Fond Monetarju Ewropew (IMF).

F’rapporti riċenti, l-IMF qalet li l-Greċja għamlet progress importanti u pożittiv fl-aħħar snin. Ir-rapport qed ibassar tkabbir ta’ 2.5 fil-mija matul din is-sena, żieda ħafifa fuq dik ta’ 2 fil-miija fl-2018. Din tpoġġi lil Greċja fost l-iktar pajjiżi fiz-zona ewro li qed jirreġistraw tkabbir.

Skont Peter Dohlman, li qed imexxi ir-rapport tal-IMF dwar il-Greċja, il-gvern Griek qed jilħaq il-miri fiskali miftemin mal-istati membri ewropej. Intant qed ikun meqjus bħala pass importanti għas-swieq il-ħruġ b’suċċess ta’ żewġ bonds tal-gvern li intlaqgħu tajjeb mill-investituri.

Qal ukoll li sar titjib f’oqsma oħra fiskali, issa l-konsumaturi huma fil-libertà li jċaqalqu l-flus fi kwalunkwe bank fil-Greċja, u li l-banek stess kważi ħallsu għal kollox l-assistenza ta’ emerġenza ta’ likwidità. Fl-istess waqt il-Greċja m’għadx għandha arranġamenti ta’ self mal-IMF, madanakollu l-pajjiż għad għandu dejn mal-IMF ta’ 9.4 biljun ewro li kienu sselfu fil-kriżi finanzjarja li laqtet lill-pajjiż snin ilu.

Minkejja dawn ir-riżultati l-Greċja tibqa bl-għola rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-UE, tant li f’Novembru li għadda l-perċentwali laħħqet it-18.5 fil-mija.

Studju jindika l-bżonn ta’ regoli ġodda għall-iġganti tat-teknoloġija

Skont rapport tekniku kkummissjonat mill-Ministeru tal-finanzi tar-Renju Unit, il-Kumpaniji l-ġganti tat-teknoloġija, Google, Facebook, Amazon, Apple u Mircosoft jeħtieġu regoli ġodda biex ikun salvagwardjat is-suq tal-kompetizzjoni f’dan il-qasam.

Id-dokument li fih mal-150 paġna jitlob sabiex ir-regoli tar-Renju Unit għall-kompetittività jiġu aġġornati biex jirriflettu s-sinjali taż-żminijiet diġitali. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw suq iktar miftuħ, jagħtu lil konsumaturi iktar għażla, kif ukoll fuq kollox iktar serħan il-moħħ fuq l-informazzjoni u d-data li tinġabar fuqhom.

Fi kliem Jason Furman, li kien iservi bħala konsulent primarju fuq l-ekonomija tal-eks President Amerikan Barack Obama, u li mexxa il-grupp li ħadem fuq dan ir-rapport, is-settur diġitali ħoloq diversi benefiċji, iżda dawn ġew a skapitu ta’ żieda fid-dominanza ta’ ftit kumpaniji.

Dan l-istudju qed jirrakkomanda fost affarijiet oħra li jinħoloq regolatur ġdid biex jimplimenta u jenforza r-regoli tal-kompetizzjoni. Dan il-unit għandu jkollu s-saħħa li jisforza l-kumpaniji l-kbar jaqsmu d-data meħtieġa anki mal-kompetituri tagħhom biex fl-aħħar mill-aħħar il-pubbliku jingħata iktar għażla.

Fl-aħħar snin regolaturi internazzjonali qed iħossu ħafna iktar il-ħtieġa li jindirizzaw dan is-settur. Is-sena li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea immultat $ 5 biljun lil Google minħabba li instabet ħatja ta’ abbuż mill-posizzjoni dominanti tagħha bis-software tal-Android fuq il-mobajls. Attwalment il-Kummissjoni qiegħda tinvestiga lil Google fuq prattiċi oħra relatati mar-riklamar li jistgħu iwasslu għal iktar sanzjonijiet.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.