Christian population in Syria is aging fast

Il-popolazzjoni tas-Sirja qed tgħix f’kundizzjonijiet instabbli fejn jew hemm il-gwerra jew il-paċi. Sitwazzjoni inċerta u diffiċli  li għal min hu dgħajjef m’hix sostenibbli u li qed tara n-numru tal-insara jonqos, f’ċerti nħawi naqsu b’77 fil-mija ta’ dak li kienu qabel beda l-ġlied.

Din hi l-istampa mċajpra li toħroġ mill-messaġġ qasir tar-Randan li ħareġ l-Isqof Maronita ta’ Damasku, Samir Nassar.

Fil-messaġġ li kien rappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, l-Isqof qal li r-rikostruzzjoni tal-pajjiż waqfet u filwaqt li d-dollaru kompla jissaħħaħ komparat mal-munita lokali, l-ekonomija tal-pajjiż hi penalizzat mid-diversi sanzjonijiet imposti fuqu li l-agħar li qed jolqtu u lill-foqra tal-pajjiż.

Sitwazzjoni allarmanti

F’din is-sitwazzjoni nkwetanti kif deskritta mill-Isqof Shamir Nassar, “il-merħla” żgħira tal-insara Sirjani qed issir aktar dgħajfa kemm għax in-nies qed jikbru fl-età kif ukoll għax ħafna qed jemigraw mill-pajjiż.  Fl-aħħar laqgħa tal-familji li ssir perjodikament, kien hemm erba’ koppji biss li kienu taħt il-50 sena.

L-anzjanità tal-familji nsara fis-Sirja hi sinjal allarmanti. Minn stħarriġ li sar l-insara fis-Sirja huma “minoranza li qed tixjieħ fost ħafna inċertezzi. F’termini perċentwali din il-minoranza tilfet bejn 50 u 77% tal-membri tagħha f’diversi reġjuni tal-pajjiż, komparat maż-żmien ta’ qabel bdiet il-gwerra.

“Jekk qabel il-ġlied l-insara fis-Sirja kienu jirrappreżentaw 4.7% tal-popolazzjoni tal-pajjiż, kemm huma l-lum? X’inhu l-futur ta’ dawn l-insara?, staqsa l-Isqof fil-messaġġ tiegħu.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Randan li qed isir fid-dawl tat-tagħlim u s-suġġerimenti tal-Papa Benedittu u l-Papa Franġisku, għall-Isqof Samir hu okkażżjoni biex wieħed jagħraf li l-Knisja dejjem imxiet bil-fidi tal-martri tagħha iggwidata “min-nar tal-Ispirtu u d-dawl tal-Evanġelju”.