Bosta nies huma feruti, u tliet persuni ġew ikkonfermati mejtin, wara li raġel fetaħ in-nar fuq tramm f’Utrecht fin-Netherlands.

L-inċident jidher li seħħ għall-ħabta tal-10.45am meta raġel beda jispara fi tramm. Il-Pulizija arrestat ir-raġel li kien il-moħħ wara dan l-attakk. Is-suspettat ewlieni huwa raġel Tork ta’ 37 sena li jismu Gökmen Tanis.

Il-Kordinatur Nazzjonali ta’ Kontra t-Terroriżmu s-Sigurtà Pieter-Jaap Aalbersberg ikkonferma li l-livell ta’ theddida għal Utrecht għola għal livell 5 għat-18-il siegħa li ġejjin. Jidher li l-Prim Ministru Netherlandiż Mark Rutte sejjaħ laqgħa ta’ emerġenza flimkien mat-taqsima ta’ sigurtà tiegħu.

Il-pulizija appellaw għal kull informazzjoni li tista’ tingħata dwar il-karozza Renault Clio ħamra. Huma qalu li nsterqet qabel ma seħħ l-attakk u wara nstabet Tichelaarslaan.