L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li se jsir xi tibdil fit-triq li twassal għall-binja tat-terminal.

Mill-20 ta’ Marzu, vetturi li jkunu qed jinstaqu lejn l-ajruport se jiġu mgħoddija minn rotta temporanja, li ġiet estiża mir-ring road, biex jaċċessaw il-binja prinċipali tat-terminal tal-ajruport.

Din id-devjazzjoni tat-traffiku se tippermetti lill-kumpanija biex tibda xogħlijiet ta’ skavar għal mina taħt l-art li se tkun qed tgħaqqad il-parkeġġ ta’ diversi sulari, li għadu qed jinbena, mal-parkeġġ prinċipali tal-ajruport. Aktar ’il quddiem, kif jibdew javvanzaw ix-xogħlijiet fuq il-proġett, passaġġ mgħotti se jkun qed jgħaqqad din il-mina mal-binja tat-terminal tal-ajruport.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nieda x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ parkeġġ ta’ diversi sulari fl-aħħar kwart tal-2018, bil-proġett ta’ €20 miljun mistenni jitlesta sal-2020. Dan il-parkeġġ se jipprovdi l-kampus tal-ajruport b’1,300 spazju ta’ parkeġġ mgħotti, filwaqt li jintroduċi żona ċentralizzata minn fejn jistgħu joperaw il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi.