ADHD Malta bdiet petizzjoni indirizzata lill-Prim Ministru Joseph Muscat, li fiha tappella lill-Gvern biex jieqaf “iħawwad” u jipprovdi mediċina effettiva tal-ADHD permezz tal-iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.

F’dil-petizzjoni, ADHD Malta tgħid li “li tħawwad bil-mediċina mhijiex għażla għalina, peress li ħafna tfal jieħdu l-mediċina u għandhom bżonnha biex imorru aħjar fl-iskola u jkunu aħjar anke d-dar. In-nuqqas ta’ mediċina jista’ jkollu riperkussjonijiet serji.”

Hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tal-MP Simon Busuttil fi Frar li għadda, il-Ministru Chris Fearne kkonferma li 38 persuna staqsew lid-Dipartiment biex jibqgħu jirċievu mediċina ta’ kumpanija partikolari minflok dik ġenerika li qed jipprovdi l-Gvern.

Il-mediċina ġenerika mhix taħdem – professjonist

Newsbook.com.mt tkellem ma’ professjonist biex jivverifika dak li qed tgħid ADHD Malta. B’mod anonimu, huwa qal lil din il-kamra tal-aħbarijiet li din il-mediċina ġenerika mhix taħdem. Qal li l-Gvern x’aktarx huwa mbeżża’ li jekk jibda jagħti l-mediċina ta’ kumpanija minflok dik ġenerika, l-aġent tal-ġenerika jista’ jtella’ lill-Gvern il-Qorti minħabba li fil-miktub, dawn għandhom ikunu bijoekwivalenti.

B’konsegwenza ta’ dan, qal il-professjonist, in-nies jippruvaw jixtru mediċina ta’ kumpanija partikolari imma m’għandhomx għażla għax din spiċċat f’Malta, u se tiġi lura f’Ġunju. Għalhekk, xi nies issa huma bla mediċina.

It-tfal qegħdin ibatu – ADHD Malta

L-assoċjazzjoni qalet li l-mediċina ġenerika provduta mill-Gvern mhix taħdem. Il-membri tal-assoċjazzjoni, li fil-maġġoranza tagħhom huma ġenituri ta’ tfal li għandhom il-kundizzjoni ADHD, qalu li wliedhom qed isofru bla bżonn.

L-istess ġenituri qalu li xi individwi qed ikollhom jixtru “l-aħjar mediċina” li l-Gvern m’għadux jipprovdi, imma huma jkollhom jagħmlu hekk għall-aħjar ta’ wliedhom.

Bla mediċina ġimgħa wara oħra – ADHD Malta

Minbarra mill-uġigħ li jkollhom uliedhom, l-assoċjazzjoni qalet li din is-sitwazzjoni qed twassal għal ħafna spejjeż żejda, u anke sitwazzjonijiet fejn il-mediċina tkun out of stock, u b’hekk, in-nies jibqgħu mingħajrha ġimgħa wara oħra.

Skont ADHD Malta, din hi “inaċċettabbli u serja ħafna peress li l-effetti negattivi ta’ din is-sitwazzjoni qed jirriżultaw f’nies ibatu minn effetti ħżiena, jew li jkollhom iżidu d-doża tal-mediċina li jieħdu.”

L-assoċjazzjoni insistiet li jekk dawk li jbatu bl-ADHD ikollhom il-mediċina t-tajba, se jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fil-Parlament

Fi Frar, Simon Busuttil staqsa lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jekk hemmx pazjenti tal-ADHD li talbux biex jibqgħu jingħataw il-mediċina MethylPhenidate mmodifikata u prodotta minn Concerta minflok il-mediċina ġenerika li ġiet introdotta.

Il-Ministru Fearne kkonferma li d-Dipartiment irċieva 38 talba. 10 minnhom saru minn adulti u 18 minnhom saru minn persuni taħt it-18-il sena. Fearne qal li dawn it-talbiet qed jiġu evalwati. Qal ukoll li l-mediċina ġenerika hija kkunsidrata li hi bijoekwivalenti għal dik tal-kumpanija, u li l-mediċina ġenerika ma tneħħietx mis-suq fil-pajjiżi Ewropej.

Tista’ taċċessa l-petizzjoni minn hawn.