NASA, l-aġenzija spazjali Amerikana, qalet li splodiet meteorita b’saħħa ta’ għaxar darbiet aktar mill-bomba atomika li splodiet fuq Hiroshima fil-Ġappun fit-Tieni Gwerra Dinjija. Skont NASA din hija t-tieni l-aktar splużjoni tax-xorta tagħha fl-aħħar 30 sena. Għalkemm l-isplużjoni saret f’nofsinhar tat-18 ta’ Diċembru li għadda, tista’ tgħid li ħadd ma nduna qabel illum peress li splodiet fuq il-Baħar Bering ‘il barra mill-Peninsula Kamchatka fir-Russja.

Peress li l-isplużjoni seħħet kwazi 26 kilometru ‘il fuq mid-dinja u seħħet fuq il-baħar, ma kienx hemm il-konsegwenzi serji li kien ikun hemm kieku splodiet fuq l-abitat u kien għalhekk li ma kinitx irrappurtata qabel.

L-aħbar ingħatat issa waqt taħdita minn Dr Fast li kien qed jindirizza konferenza f’Texas. Huwa qal li s-satelliti militari rreġistraw l-isplużjoni u li n-NASA kienet infurmata mill-qawwiet tal-ajru Amerikani.