George Cross Falcons Community Centre

Voluntiera u anzjani li jagħmlu parti miċ-ċentru tal-komunità Maltija f’New South Wales soffrew minn xokk hekk kif spiċċaw fil-mira ta’ żewġ ħallelin it-Tnejn filgħodu.

Fil-ħin li seħħ il-każ kien hemm madwar tmien persuni fil-George Cross Falcons Community Centre f’Cringila f’New South Wales li kienu qed ilestu l-ikel għall-anzjani meta żewġ persuni mgħammda daħlu fil-binja.

Skont il-midja Awstraljana l-immigranti Maltin għall-bidu ħasbu li kienet ċajta sakemm indunaw x’inhu jiġri.

Voluntiera taċ-ċentru qalet mal-midja Awstraljana li kienu qed ilestu l-kafe u l-ħobż meta daħlu l-irġiel. Spjegat kif wieħed minn dawn l-irġiel qalilhom biex ma jdaħħlux idhom fil-bwiet jew jużaw il-mowbajl. Kompliet tispjega li l-istess raġel talab lill-President tal-klabb biex jurihom fejnu s-safe. Huma ħadu ammont sostanzjali ta’ flus qabel ma ħarbu minn fuq il-post.

Ħadd ma weġġa’ waqt dan il-hold up iżda żewġ voluntiera ingħataw assitenza medika minħabba x-xokk li soffrew. L-ammont ta’ flus għadu mhux magħruf.