Pamela Muscat, il-President tal-ADHD Malta qalet li dawk li huma affettwati mill-ADHD jew Attention Deficit Hyperactivity Disorder ma għandhomx għażla meta jirrikorru għall-mediċina neċessarja mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). Muscat spjegat kif dawn qed jingħataw mediċina ġenerika li mhix effettiva.

L-għaqda saħansitra bdiet petizzjoni indirizzata lill-Prim Ministru Joseph Muscat, li fiha tappella lill-Gvern biex jieqaf “iħawwad” u jipprovdi mediċina effettiva tal-ADHD permezz tal-iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.

AQRA: Tibqgħux tħawdu bil-mediċina – ADHD Malta lill-Prim Ministru

Pamela Muscat kienet intervistata waqt il-programm Follow Up minn Fr Joe Borg li jixxandar fuq RTK 103FM. Dak li qalu l-ADHD Malta ġie kkonfermat b’mod separat minn professjonist.

Fl-intervent tagħha Muscat li matul l-aħħar sitt xhur ħafna persuni li huma affettwati bl-ADHD ma kellhom l-ebda għażla ħlief li jixtru l-mediċina tagħhom hekk kif il-mediċina provduta mill-POYC ma kienx qed ikollha effett fuqhom. Hi spjegat ukoll li l-mediċina provduta taħdem biss għal ftit sigħat u għalhekk toħloq numru ta’ diffikultajiet lit-tfal li jkunu l-iskola u jkollhom jieħdu l-mediċina kull tliet jew erba’ sigħat.

Meta kienet mistoqsija dwar jekk tafx każijiet fejn il-mediċina provduta mill-POYC kellhix effetti negattivi fuq il-persuni, Muscat qalet li taf b’nies li kellhom iwaqfu l-mediċina għal kollox minħabba l-effett negattiv li ħalliet fuqhom, oħrajn kienu qed jieħdu doża iktar qawwija biex forsi jaraw l-effett tal-mediċina. Hi saħqet iżda li mhux kulħadd kien qed jara l-istess effett fuqu.

Mediċina out of stock

L-aġent li jġib il-mediċina li qabel kienet provduta mill-POYC ma baqalux iktar minnha hekk kif qatt ma basar li ħafna kienu se jkunu dawk li jagħżlu li jixtru l-mediċina. Muscat spjegat li baqalhom jistennew sa Ġunju hekk kull konsenja ta’ mediċina ta’ dan it-tip trid tiġi manifatturata apposta għall-pajjiż li se tkun qed tintbagħat.