HSBC Bank Malta p.l.c. u l-Union tal-Impjegati tal-Banek (MUBE) ħabbru l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ta’ 5 snin li jkopri l-perjodu 2019-2023.

Il-ftehim kien irratifikat dan l-aħħar fil-preżenza ta’ rappreżentanti u impjegati fil-fergħa tal-bank fil-Ħamrun u ser ikompli jibni fuq l-impenn eżistenti tal-bank li jkun employer ewlieni u li jipprovdi l-bażi għal negozju sostenibbli għall-impjegati u għall-klijenti.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal: “Jiena kburi ħafna b’kollegi mill-aqwa bħal dawn fl-HSBC li tant jaħdmu biex jappoġġjaw lill-klijenti tagħna. Dawn jemmnu li dan hu ftehim ġust li jkompli jġib ‘il quddiem l-aħjar interessi tal-impjegati kollha tagħna għal din il-fażi li jmiss. Hekk kif fl-HSBC qegħdin għal darb’oħra niffukaw strateġikament biex niksbu tkabbir imdaqqas, jien kuntent li pprovdejna ċertezza dwar it-termini tagħna tal-impjieg biex inkunu nistgħu niffokaw fuq li mmexxu n-negozju tagħna u li nkunu employer mill-aqwa għan-nies tagħna. Nixtieq nirringrazzja lill-Union u lill-kollegi kollha għall-professjonaliżmu tagħhom matul in-negozjati.”

Il-President tal-MUBE William Portelli qal: “Il-Pjan tal-Pensjonijiet li daħal fis-seħħ, l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ arranġamenti flessibbli, il-konsolidament tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ftehim imġedded għal ħames snin ilkoll flimkien għandhom jipprovdu aktar stabbiltà għall-impjegati b’mod ġenerali. Filwaqt li l-ftehim isaħħaħ l-aspett finanzjarju u anki dak non-finanzjarju għall-impjegati kollha, l-MUBE se tkun qed tkompli taħdem mal-maniġment biex issib modi innovattivi ħalli tipprovdi aktar flessibilità fl-ambjent tax-xogħol.”

Il-Kap tar-Riżorsi Umani tal-HSBC Malta Caroline Buhagiar Klass qalet: “Il-ftehim il-ġdid juri li l-abiltà li nisimgħu lil xulxin twassal għal riżultati mill-aqwa, u hu biss meta naħdmu flimkien li nirnexxu. Importanti ukoll li l-ftehim jagħmel enfasi speċjali fuq l-avvanz fil-karriera għall-impjegati tagħna kif ukoll jippremja riżultati tajbin ta’ rendiment.”

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ukoll dwar ftehim kollettiv mal-GWU għall-kategoriji ta’ impjegati mhux klerikali. Id-data għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim se tkun skedata fil-ġimgħat li ġejjin.

L-HSBC Malta hu wieħed mill-akbar employers f’dan il-pajjiż b’aktar minn 1,200 impjegat.