Skont l-uffiċċju meterjologiku fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, it-temp għada se jkun pjuttost imsaħħab b’xita minn ħin għall-ieħor u b’riħ moderat mill-Grigal li jsir ftit qawwi għall-qawwi.

Il-websajt malteseislandsweather qalet li front ta’ arja baxxa assoċċjat ma’ sistema ta’ pressjoni baxxa intensa fuq il-Golf ta’ Gabes se ġġib maltempata fuq il-gżejjer Maltin. Il-gżejjet Maltin se jkunu affettwati minn riħ qawwi ħafna mill-Grieg il-Lvant li mistenni jonfoħ jilħaq il-qofol tiegħu l-Erbgħa li ġej. F’xi ħinijiet ir-riħ mistenni li jilħaq forza 7 u 8. Huwa mistenni li aktar tard ikun hemm ħalbiet tax-xita u maltempati bir-ragħad.

Skont din il-websajt l-ewwel ħalbiet tax-xita għandha tilħaq il-gżejjer Maltin l-Erbgħa kmieni filgħodu, it-tieni ħalba mistennija tibda l-Erbgħa filgħaxija sa kmieni l-Ħamis u t-tielet ħalba għandha tkun l-iktar intensa matul il-jum tal-Ġimgħa. Dawn jistgħu jkunu qawwijin, bir-ragħad u s-silġ kultant. il-silġ se jkun żgħir iżda jaf ikun abbundanti f’xi waqtiet.