Congolese President Felix Tshisekedi holds the constitution after being sworn in in Kinshasa, Democratic Republic of the Congo, Thursday Jan. 24, 2019. (Credit: Jerome Delay/AP.)

Wara l-elezzjonijiet Presidenzjali li kienu mifnija b’allegazzjonijiet u akkużi ta’ frodi u korruzzjoni, il-Congo qed jiffaċċja aktar problemi fl-elezzjonijiet għas-Senat u tal-Gvernaturi tal-istati li se jsiru aktar tard dan ix-xahar. L-elezzjonijiet għas-Senat saru nhar il-Ġimgħa iżda l-għadd tal-voti għadu ma sarx filwaqt li dawk tal-Gvernaturi se jsiru fis-26 ta’dan ix-xahar.

Qabel dan il-vot, l-Isqfijiet Kattoliċi f’disa’ djoċesijiet f’Kisangani, fit-tramuntana tal-pajjiż, ikkundanna bil-qawwa kollha l-korruzzjoni li hemm fil-pajjiż.

Xiri tal-aċċess għall-poter

“Illum qed nassistu għal aktar qerq: ix-xiri tal-aċċess għas-Senat u għall-Governanza tal-istati. Din il-kampanja qawwija ta’ korruzzjoni qed tkisser il-pajjiż. X’nistgħu nistennew minn mexxejja politiċi li bla mistħija ta’ xejn jixtru l-voti tal-votanti?”, qal  Dun Archange Kampi, Segretarju Eżekuttiv tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-provinċja, wara laqgħa tal-Isqfijiet.

Il-Konferenza Episkopali tal-Congo qed tikkontesta r-riżultat tal-elezzjonijiet Prsidenzjali li sarufit-30 ta’ Diċembru li għadda, wara li l-mexxej tal-Oppożizzjoni Felix Tshisekedi, kien dikjarat rebbieħ.

Martin Fayullu li fir-riżultat elettorali kien dikjarat “runner-up” qed isostni li hu kiseb il-maġġoranza tal-voti, iżda l-President elett, kien ftiehem mal-President ta’ qablu Joseph Kabila, biex jisraq ir-riżultat elettorali.

Fi stqarrija aktar kmieni dan ix-xahar il-Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet qalet li “l-istituzzjonijiet demokratiċi b’saħħithom ta’ pajjiż għandhom ikunu bażati biss fuq valuri etiċi”. L-isqfijiet qalu li hemm valuri li mhux negozjabbli, fosthom ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna, l-għaqda nazzjonali, il-ġustizzja u l-paċi.

“Għal din ir-raġuni, aħna l-Isqfijiet se nkomplu bil-prokramm ta’ edukazzjoni ċivika u elettorali għall-popolazzjoni u bl-impenn tagħna favur Osservatorju Elettorali taċ-Ċittadini biex ikun hemm aktar kredibilità.

Iggvernar aħjar

L-Isqfijiet appellaw lill-uffiċjali eletti ġodda biex jaqtgħu radikalment ir-rabtiet mar-reġim tal-passat u jagħtu “assikurazzjoni konkreta” ta’ gvernar aħjar u għamlu rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar l-oqsma politiċi, tas-sigurtà, id-drittijiet umani, l-ekonomija u dak diplomatiku.

Fuq livell politiku l-Isqfijiet sejħu għas-Saltna tad-Dritt, li jkun hemm klima politika aħjar, tkun rispettata b’mod strett il-Kostituzzjoni u t-tkomplija taċ-ċiklu elettorali bi trasparenza u verità.

Għal dik li hi sigurtà, l-Isqfijiet saħqu fuq l-importanza tal-ħarsien u l-integrità tat-territorju nazzjonali, il-protezzjoni tan-nies u l-proprjetà tagħhom, li jkunu assigurati l-fruntieri tal-pajjiż u li ż-żoni fejn hemm nuqqas ta’ sigurtà jkunu mħarsa.

Fil-qasam tad-Drittijiet Umani, hua appellaw għar-rispett tal-libertajiet fundamentali fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-protesti paċifiċi.

Fejn tidħol l-ekomonija, semmew il-bżonn ta’ governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, titjib fil-livell tal-għixien tal-poplu u l-esplojtazzjoni ġusta tar-riżorsi naturali.

Fl-aħħarnett, l-Isqfijiet appellaw lill-Gvern biex biex itejjeb il-mod kif pajjiżi oħra jħarsu lejn il-Congo u jpoġġi l-interessi tal-poplu qabel kull interessi oħra u fil-qalba ta’ kullnegozjati li jagħmel.

Il-Kattoliċi fil-Congo huma kważi nofs il-popolazzjoni ta’ 80 miljun persuna u l-Isqfijiet huma stmati ħafna.