L-Għaqda tal-istudenti Gozo University Group (GUG) fi stqarrija qalet li l-maġġoranza tal-istudenti Għawdxin huma kontra l-mina minħabba l-biża’ li Għawdex jitlef il-kwiet li bħalissa jgawdi.

L-għaqda spjegat li waħda mill-akbar diffikultajiet li jsibu l-istudenti hija d-dewmien biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex. Waqt id-dibattitu li sar it-Tnejn fl-Oratorju Dun Bosco fir-Rabat Għawdex, il-grupp issuġġerixxa li jkun hemm ir-raba’ vapur u servizz ta’ fast ferry. Din il-proposta ġiet milqugħa mill-maġġoranza ta’ dawk preżenti.

Ara: Filmat: “Mina b’metro u għall-karozzi mhix possibli li ssir” – Franco Mercieca

Il-GUG ġiet ikkritikata minn diversi kelliema wara li ftit żmien ilu hija kienet favur il-mina bejn Malta u Għawdex. Fid-dawl ta’ dan l-Għaqda qalet li huma kienu dejjem favur li jkun hemm link bejn Malta u Għawdex.

Żiedet li madankollu hija l-vuċi tal-istudenti u għalhekk jekk inbidlet l-opinjoni tal-istudenti huma għandhom ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom ukoll. Huma spjegaw li f’survej li sar is-sena l-oħra il-maġġoranza tal-istudenti kienu favur il-mina iżda issa wara l-informazzjoni li ngħatat l-istudenti bidlu fehmithom.