Nies jitolbu u jibku barra l-Moskea fejn twettaq il-massakru

Mexxejja Kattoliċi minn madwar id-dinja kollha, jew permezz ta’ stqarrijiet mill-Konferenzi Episkopali rispettivi jew permezz tal-media soċjali qed iwieġbu għat-traġedja li seħħet fiż-żewġ Moskei fi New Zealand il-ġimgħa li għaddiet fejn mietu 52 persuna, b’messaġġi ta’ kundanna u solidarjetà mal-komunitajiet Musulmani.

L-Arċisqof Justin Welby ta’ Canterbury b’messaġġ fuq Twitter wera s-simpatija tiegħu mal-vittmi u offra talb għall-fejqan tal-feruti u l-mejta filwaqt li fakkar lil kulħadd li Ġesù jsejħilna biex nilqgħu lill-frustieri u nħobbu lill-proxxmu, huma kemm huma differenti minna.

Messaġġ mill-Indja

Il-Kardinal tal-Indja, Oswald Garcias li hu wkoll l-Arċisqof ta’Mumbai u President tal-Konferenza Episkopali Indjana esprima sogħba kbira għal dan il-massakru. Filwaqt li fakkar li dan l-attakk kien iffilmjat u mxandar dirett fuq Facebook, hu wera l-inkwiet tiegħu għall-użu mhux xieraq tal-media soċjali.

“Dawn il-mezzi qed ikunu mimlija b’messaġġi ta’ mibegħda u theddid, rabja u jakkużaw lil min ma’ jaqbilx ma’ min jiktibhom bħala persuni kontra l-pajjiż”. Wasal iż-żmien biex lil dawn li qed ixerrdu l-mibegħda nieqfulhom”, qal il-Kadinal Garcias.

Fl-Irlanda, l-Arċisqof Diarmuid Martin appella biex isir talb fil-quddies kollu tad-djoċesi l-Ħadd li għadda, festa ta’ San Patrizju biex jitfakkru dawk li nqatlu jew sfaw feruti fl-imsemmija attakki.

Hu wera t-tħassib tiegħu għas-sentimenti anti-Islamiċi li qed jintwere u jkunu espressi fuq il-media soċjali fl-Irlanda u f’pubblikazzjonijiet li taparsi huma ta’ ispirazzjoni Kattolika.

Talba mill- Awstralja

Il-Prim Ministru tal-Awstralja Scott Morrison ikkonferma li wieħed mill-persuni arrestati wara dawn l-attakki hu ċittadin u twieled l-Awstralja.

Fi stqarrija, l-Arċisqof Mark Coleridge, President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Awstraljani ikkundanna “dan l-attakk faħxi” u offra talb biex minn dan il-ħażen joħroġ xi ġid billi tissaħħaħ ir-rieda tajba fil-pajjiż u fost il-familja tal-bnedmin kollha u b’mod speċjali bejn l-Insara u l-Musulmani.

Mexxejja oħra minn madwar id-dinja esprimew id-dwejjaq tagħhom fosthom l-Arċidjoċesi ta’ Singapore li qalet li “atti bħal dawn ifakkruna fl-importanza li nsostnu u nippromwovu d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, it-tolleranza, ir-rispett reċiproku u l-apprezzament ta’ reliġjonijiet oħra.