Raġel issekwestra xarabank tal-iskola mimlija studenti fl-Italja u wara taha n-nar, skont rapporti fil-midja Taljana.

TGCOM 24 irrapporta kif raġel mis-Senegal ta’ 47 sena, Ousseynou Sy, ġie arrestat f’San Donato ftit ‘il barra minn Milan. Ir-raġel ilu jgħix fl-Italja mill-2004 u qabel kien instab ħati ta’ sewqan waqt li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, kif ukoll b’rabta ma’ vjolenza sesswali. Hu sostna li jrid itemm l-imwiet kollha li qed iseħħu fil-baħar Mediterran.

Abbord ix-xarabank kien hemm 51 tifel u tifla flimkien mal-għalliema tagħhom. Tnejn u għoxrin student u adult ittieħdu l-isptar. Tifel u adult instab li sofrew minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-bqija sofrew minn ġrieħi ħfief.

Ir-raġel se jitressaq il-Qorti akkużat bi ħtif, massakru, li kkawża nirien u li rreżista l-arrest.