L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona se jiċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla f’għeluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu.

Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta spjegat li din se ssir nhar il-Ħadd 24 ta’ Marzu 2019, fil-5.30pm, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

F’din il-Quddiesa se jikkonċelebra Mons. George Frendo, l-Arċisqof ta’ Tirana fl-Albanija, li wkoll qed jiċċelebra l-50 anniversarju tal-Ordinazzjoni Presbiterali. Għal din il-quddiesa qed jiġu mistiedna kemm saċerdoti biex jikkonċelebraw u kif ukoll il-pubbliku biex jieħu sehem.

Mons. Cremona twieled il-Belt Valletta fil-25 ta’ Jannar 1946. Daħal fl-Ordni Dumnikan f’Settembru tal-1962 u sena wara għamel il-Professjoni fl-istess Ordni. Huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ ta’ San Tumas ta’ Akwinu fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat u ġie ordnat saċerdot fit-22 ta’ Marzu 1969 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Mons. Cremona kien ikkonsagrat isqof fis-26 ta’ Jannar 2007 u mexxa l-Arċidjoċesi ta’ Malta sat-18 ta’ Ottubru 2014.