L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ lukanda ta’ 8 sulari fil-Mellieħa, minkejja l-oġġezzjonijiet tal-kunsill lokali minħabba li skontu, il-proposta tikser il-limitu ta’ għoli ta’ bini fiż-żona.

Il-binja tal-kumpanija J. Portelli Projects għandu jkollha 120 kamra residenzjali, ħwienet, lukanda, parkeġġ taħt l-art u garaxxijiet. Dan kollu għandu jsir f’art vakanti kbira 3,600 metru kwadru.

Il-lukanda fil-Mellieħa ma tikkwalifikax għal 3 sulari – Borg 

Kien ġie suġġerit li l-pjan jiġi rrifjutat minħabba l-policy li tillimita l-binjiet fiż-żona għal 3 sulari, iżda fi smigħ dan ix-xahar, il-bord tal-PA indika li kien lest li japprova l-applikazzjoni fuq il-bażi ta’ policy separata flessibbli.

Id-deċiżjoni kienet formalizzata llum b’vot ta’ 9 kontra 4. Dawk li kienu kontra huma ċ-chairman tal-bord Vince Cassar, iċ-chairman tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), ir-rappreżentanta tal-NGOs Annick Bonello u s-sindku tal-Mellieħa John Buttigieg.

Il-kunsill lokali kien ilu jipprova juża dan is-sit għall-faċilitajiet tal-komunità, u oġġezzjona għal dan il-proġett peress li deherlu li ma jmurx mal-bqija taż-żona. Waqt is-smigħ, il-Perit Carmel Cacopardo li kien qed jirrappreżenta lil dawk li oġġezzjonaw, insista li d-deċiżjoni tal-bord tmur kontra l-policies tal-pjan lokali li jipprojbixxi lukanda fis-sit. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, li kien sindku tar-raħal, żied li ż-żona dejjem intużat għal użu residenzjali.